Istanbul

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Dehra ta' Sultanahmet u d-distrett ta' Galata

Istanbul (bit-Tork: İstanbul), storikament magħrufa bħala Biżanzju u Kostantinopli, hija l-ikbar belt fit-Turkija, u ċ-ċentru storiku, kulturali u ekonomiku tal-pajjiż. Istanbul hija belt transkontinentali fl-Ewrasja li tmiss mal-istrett tal-Bosforu (li jaqsam l-Ewropa u l-Asja) bejn il-Baħar ta' Marmara u l-Baħar l-Iswed. Il-popolazzjoni ta' madwar ħmistax-il miljun ruħ fiż-żona metropolitana tagħmel lil Istanbul waħda mill-ikbar bliet fid-dinja skont il-popolazzjoni, u l-ikbar waħda fl-Ewropa.[1]

Stabbilita għall-ħabta tas-sena 660 Q.K. bl-isem ta' Biżanzju, il-belt kibret fid-daqs u fl-influwenza biex saret fost l-iktar bliet importanti fl-istorja. Wara li ngħatat isem ġdid ta' Kostantinopli fis-sena 330 W.K., ir-rwol tagħha kiber għal kapitali imperjali għal sittax-il seklu, mill-Imperu Ruman/Biżantin (330-1204) sal-Imperu Ottoman (1453-1922). Kienet strumentali fl-avvanz tal-Kristjaneżmu matul iż-żminijiet tar-Rumani u l-Biżantini, sakemm il-ħakma Ottomana tal-1453 wasslet għat-trasformazzjoni Iżlamika u saret is-sede tal-Kaliffat Ottoman. Sal-1923 serviet bħala l-belt kapitali Ottomana (bl-isem ta' Kostantinopli) sakemm il-kapitali tmexxiet għal Ankara.

Il-belt żammet post strateġiku bejn il-Baħar l-Iswed u l-Mediterran. Kienet ukoll fit-traġitt tat-Triq tal-Ħarir. Ikkontrollat ukoll numru ta' vjaġġi ta' ferroviji bejn il-Balkani u Lvant Nofsani, u kienet l-unika rotta marittima bejn il-Baħar l-Iswed u l-Mediterran. Fl-1923, wara l-Gwerra tal-Indipendenza, Ankara ġiet magħżula bħala l-belt kapitali tat-Turkija u l-isem tal-belt inbidel għal Istanbul. Madanakollu, il-belt xorta waħda żammet l-importanza ġeopolitika u kulturali.

'Il fuq minn tnax-il miljun viżitatur żaru Istanbul fl-2015, ħames snin wara li ġiet imsemmija bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura, biex b'hekk il-belt hi l-ħames fost l-iktar destinazzjonijiet miżjura fid-dinja.[2] L-attrazzjonijiet il-kbar huma ċ-ċentru storiku, parzjalment imniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[3], u ż-żoni kulturali u ta' divertiment jinsabu tul il-port, il-Qarn tad-Deheb.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żoni Storiċi ta' Istanbul ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985. Fl-2017 kien hemm modifika żgħira fil-konfini tas-sit.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet" u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Istitut tal-Istatistika Tork, ed. (2019-12-31). "The Results of Address Based Population Registration System (2019)" (bl-Ingliż). Miġbur 2020-02-04.
  2. ^ MasterCard Social Newsroom (ed.). "London Retains Crown in 2015 MasterCard Global Destinations Cities Index".
  3. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Areas of Istanbul". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Koordinati: 41°00′49″N 28°57′18″E / 41.01361°N 28.955°E / 41.01361; 28.955