Los Angeles

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Muntaġġ tad-diversi dehriet ta' Los Angeles

Los Angeles, magħrufha wkoll fil-qasir bħala L.A., hija belt fl-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-ċentru kulturali, finanzjarju u kummerċjali ta' Southern Calfornia. B'popolazzjoni ta' 3,976,322 ruħ (skont ċensiment tal-2016), din il-belt hi t-tieni l-ikbar waħda f'termini ta' popolazzjoni fl-Istati Uniti (wara New York City) u l-ikbar waħda fl-istat ta' California. Ikkonfinata minn tliet naħat ta' muntanji li jwasslu mat-3,000 metru f'baċin qrib il-kosta, Los Angeles tkopri żona ta' madwar 469 mil kwadru (1,210 km2). Il-belt hi wkoll is-sede tal-Kontea ta' Los Angeles, l-ikbar kontea fil-pajjiż. Los Angeles hi ċ-ċentru taż-żona metropolitana ta' Los Angeles, bi 13-il miljun resident.

Storikament, Los Angeles ġiet uffiċjalment fundata fl-4 ta' Settembru 1781, mill-gvernatur Spanjol Felipe de Neve. Din saret parti mill-Messiku fl-1821 wara l-Gwerra tal-Indipendenza tal-Messiku. Fl-1848, fi tmiem tal-Gwerra Messiku-Amerikana, Los Angeles u l-kumplament ta' California inxtraw biex saru parti mill-Istati Uniti. Los Angeles saret muniċipalità fl-4 ta' April 1850, ħames xhur qabel ma' California kisbet l-istatus ta' stat. L-iskoperta taż-żejt fl-1890ijiet wasslu għal spinta ekonomika qawwija fil-belt.

Imlaqqma bħala City of Angels (Il-Belt tal-Anġli) minħabba kif isimha huwa tradott bil-lingwa Spanjola, Los Angeles hi magħrufha għall-klima Mediterranja tagħha u d-diversità etnika. Il-belt hija wkoll mutur ekonomiku sustanzjali fil-pajjiż, b'ekonomija diversifikata f'numru ta' kampijiet professjonali u kulturali. Los Angeles hi wkoll famuża minħabba li fiha tospita lil Hollywood, iċ-ċentru tal-industrija tad-divertiment fid-dinja.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Los Ángeles Plaza, 1869

L-isem Los Angeles ġej mill-Ispanjol għal "L-Anġli" u huwa verżjoni mqassra mill-isem oriġinali tal-post li kien "El Pueblo de Nuestra Señora la Reina de los Ángeles de Porciúncula"[1] (bil-Malti, "il-belt ta' Santa Marija tal-Anġli ta' Porzjunkola"), mogħti wara li l-esploratur Katalan Gaspar de Portolà mexxa spedizzjoni f'Southern California flimkien mal-patrijiet Franġiskani Junípero Serra u Juan Crespi. Fl-4 ta' April 1850, California saret stat tal-Istati Uniti, u fl-istess sena Los Angeles saret muniċipalità meta l-popolazzjoni tagħha kienet ta' madwar 1,600 ruħ. Il-ferrovija waslet Los Angeles fl-1876 taħt il-kumpanija Southern Pacific Railroad.

L-ewwel korp tal-pulizija f'Los Angeles ġie fundat fl-1853 taħt l-isem ta' Los Angeles Rangers, minn volontiera. Fl-1869 twaqqfet l-LAPD, akronimu ta' Los Angeles Police Department, meta sitt aġenti ġew maħtura mill-kap tal-pulizija William C. Warren. Illum il-ġurnata hemm 'il fuq minn 4,000 aġent tal-għassa, mingħajr ma jingħaddu il-Los Angeles Sheriff's Department, li jkopru l-kontea kollha ta' Los Angeles.

L-ewwel tkabbir fl-iżvilupp ta' Los Angeles kien fl-iskopera taż-żejt fl-1892. Fl-1923, iż-żona ta' Los Angeles kienet tforni kwart taż-żejt konsumat fid-dinja. Los Angeles ospitat żewġ edizzjonijiet tal-Logħob Olimpiku fl-1932 u l-1984.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Pool, Bob (2005-03-26). "City of Angels' First Name Still Bedevils Historians" (bl-Ingliż). Los Angeles Times.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]